GUIDO LANFRANCO
Twieled fit-18 t’Ottubru 1930. Iben Joseph u Mary (Abela). Attenda Stella Maris College f’Tas-Sliema u l-Gżira, St. Michael’s College for Men Teachers San Ġiljan (1950-1951), u korsijiet oħrajn. Fl-1964 iżżewweġ lil Salvina Bonnici, għalliema. Kellhom lil Sandro (1966) u lil Graziella (1969).
Għallem f’De La Salle College, Birgu (1949-50) u f’diversi skejjel primarji tal-gvern (1950-1964) u sekondarji u tekniċi f’Malta u Għawdex, bis-suġġetti tax-xjenza, bijoloġija, u ġografija, u fl-iskejjel ta’ filgħaxija tal-gvern għall-bijoloġija avvanzata (1966-1979), kif ukoll filgħaxijiet f’St. Edward’s College (1968-1970). Kien lecturer f’St. Michael’s College of Education għall-għalliema (1966-1973) fejn għallem metodi għat-tagħlim tax-xjenza u studji soċjali. Għallem il-bijoloġija avvanzata fl-Upper Secondary School (issa Junior College) (1973-1978) fejn laħaq Head of Biology Dept. u Assistent Kap tal-Iskola (1980) minn fejn irtira fl-1991.
Kien fuq diversi bords u kumitati edukattivi u membru ta’ diversi soċjetajiet xjentifiċi barranin, u fuq ħafna kumitati kulturali lokali. Għamel xi snin president tal-Malta Geographical Society, Old Michaelian Association, Science Teachers Association, Cactus and Succulents Society of Malta, Għaqda Maltija tal-Folklor, l-ewwel president tal-Malta Ornithological Society (issa Birdlife Malta), International Council for Bird Preservation (Malta), University Biological Society, Għaqda Dilettanti Mudelli ta’ Knejjes, u tan-Natural History Society of Malta li waqqaf fl-1962 u li wara saret Society for the Study for Conservation of Nature (S.S.C.N.), issa magħrufa bħala Nature Trust. Għal xi snin kien fil-kumitati tal-Malta Historical Society, Din L-Art Ħelwa, Moviment tal-Malti, Malta Horticultural Society, Old Stelmarians Association, Għaqda Ħbieb tal-Presepji, Malta Folklore Society u oħrajn. Kien editur tal-“Maltese Naturalist” u “News and Views” tal-SSCN, tal-“Kakti u Sukkulenti Oħra”, għal xi żmien ta’ “The Teacher” u ta’ “L-Imnara” tal-Għaqda tal-Folklor.
Ipparteċipa f’diversi seminars u konferenzi. Għamel u għadu jagħmel għadd kbir ta’ xandiriet fuq ir-radjijiet (mill-1955) u t-televixin (mill-1962). Għamel u għadu jagħmel taħditiet numerużi lil soċjetajiet kulturali, skejjel u organizzazzjonijiet oħra u korsijiet (inkluża l-Università tat-Terza Età). Kiteb mijiet ta’ artikli u kitbiet f’ħafna perjodiċi u ġurnali u organizza wirjiet dwar folklor, storja tat-trasport, storja tal-fratellanzi, vari titulari u l-istatwarji tagħhom, arti botanika, natura f’Malta, għajnuniet għat-tagħlim... Jipparteċipa f’wirjiet ta’ presepji, mudelli ta’ knejjes u arti bix-xogħlijiet tiegħu. Juża l-mudellar, il-pittura u l-fotografija biex jillustra l-wirjiet u x-xogħlijiet tiegħu u wkoll ta’ xi awturi oħrajn. Għal snin twal kiteb u għadu jikteb artikli edukattivi fis-“Sagħtar” ġurnal għall-iskejjel, fosthom id-“Dizzjunarju ta’ Annimali u Ħxejjex Madwarna” (1987-1995) u serje oħrajn dwar xjenza, snajja’, leġġendi...
Fost il-kotba ppubblikati tiegħu, minbarra oħrajn fl-istampa u li qed iħejji, għandu: Guide to the Flora of Malta (1955, 1960), Maltese Mammals (1969), Field Guide to the Wild Flowers of Malta (1969, 1977), Complete Guide to the Fishes of Malta (1958, 1965, 1974), Duwa u Semm fil-Ħxejjex Maltin (1975), The Fish Around Malta (1993, 1996): Ħxejjex Mediċinali u Oħrajn (1993, 2000): L-Istorja tat-Trasport f’Malta (1999, 2002), L-Istatwi Titulari u l-Istatwarji Tagħhom (1999), Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin (2001 [darbtejn], 2002), Mediċina Popolari tal-Imgħoddi fil-Gżejjer Maltin (2001), Xogħol, Ġaħġiħ u Snajja’ li spiċċaw (2002, 2003), Ħajjitna fl-Imgħoddi (2004), Folklor, ġabra ta’ kitbiet minn membri tal-Għaqda Maltija tal-Folklor (edit.) (2004), Drawwiet u Ħajja mill-Istorja ta’ Malta (2005), Logħob, Taqbil u Ġugarelli tat-Tfal Maltin (2006), Bejn Storja u Drawwa (2007), Fjuri Slavaġ Maltin (2007), Nagħrfu l-Leġġendi Maltin (2008), Ċajt bil-Limerikki (2008). Minbarra dawn għandu diversi kitbiet ma’ awturi oħra bħal: Red Data Book for the Maltese Islands (1989), Flora u Fawna ta’ Malta (1995), Wildlife of the Maltese Islands (1996,
2002), Mosta the Heart of Malta (1996), Naxxar, a Village and its People (2000), Ex Annalibus
Mustae (2005), Il-Flora Maltija (2003), Ġojjin (kotba tal-iskola)... Ingħata Medalja tal-Bronż
tal-Mertu mill-Konfederazzjoni tal-Kunsilli Ċiviċi (1968) u l-Medalja għall-Qadi tar-Repubblika
(M.Q.R.) (1996).