Alfred Palma

JOSEPH MICHAEL VELLA

Joseph Michael Vella twieled Tas-Sliema fid-9 t’April 1920, bin Karmenu u Victoria. Missieru kien l-inġinier fuq il-lanċa li kienet taħdem bejn Tas-Sliema u Marsamxett. Huwa studja fl-iskola tal-Gvern, fejn fi tmiem l-istudju sekondarju tiegħu, kien ingħata midalja tal-fidda talli ddistingwa ruħu fir-riżultati tal-eżamijiet; huwa kien ġie l-ewwel minn Malta u Għawdex.

Huwa kien jikkontribwixxi regolarment artikli, poeżiji, ċajt umoristiku u xi kultant sarkastiku fil-ġurnali lokali, speċjalment fuq id-Doctor Brombos. Fis-sena 1940, huwa kiteb l-innu Lill-Kbir u Mqaddes Patrijarka San Ġużepp – Patrun tal-Knisja Universali għas-Salesjani f’Tas-Sliema.

Fil-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, kien jaħdem bħala ġurnalist ma’ The Times of Malta, fejn fost l-inkarigi li kellu kien jittraduċi l-messaġġi ta’ Reuters, fost oħrajn, għal din il-gazzetta, billi huwa kien studja l-lingwi, fosthom l-Ingliż, it-Taljan, il-Ġermaniż u l-Esperanto. Fost it-talenti li kellu kien hemm dak tat-tpinġija, kif ukoll kien idoqq diversi strumenti fosthom il-vjolin, mandolina u ż-żaqq.

Fid-9 t’April 1949, proprju f’għeluq id-29 sena tiegħu, kien lesta l-manuskritt tal-ktieb Ktieb id-Daħq, iżda minħabba limitazzjonijiet finanzjarji baqa’ qatt ma ppubblikah (dan il-ktieb jinkorpora biss siltiet mix-xogħol komplut tal-awtur).

Wara tmiem il-gwerra, kien daħal fil-kejtering, fejn għal numru ta’ snin kien il-General Manager tal-Astra Hotel. Minn hawn kien strumentali sabiex flimkien ma’ Sir Roger Strickland u oħrajn waqqfu l-Board tat-Turiżmu. Fis-sena 1963, iżżewweġ lil Helen Falzon, fejn sentejn wara kellhom tifel, Mark Anthony. Fis-sena 1968, wara li temm l-impieg tiegħu mal-Astral Hotel, huwa beda
x-xogħol fuq guest house li baqa’ jmexxi sas-sena 1980.

Huwa miet fit-3 ta’ Marzu 1980, fl-età ta’ 59 sena.