Joseph SultanaJOSEPH SULTANA

Twieled ir-Rabat, Malta fl-14 ta’ Jannar ta’ l-1957. Hu miżżeweġ lil Doris u għandu żewġ itfal, Francesco u Roberta. Joseph ħa l-edukazjoni tiegħu fl-iskola primarja u sekondarja. Minn età żgħira Joe, kif inhu magħruf minn sħabu, wera’ interess kbir f’dak li hu wirt naturali Malti. Fi tfulitu kien jgħaddi ħafna ħin fil-kampanja fl-inħawi ta’ madwar ir-Rabat, fejn minn hemm beda juri l-ħajra li jiddokumenta l-aspett naturali ta’ pajjiżna b’mod artistiku. Dan l-interess kompla jikber bl-għajnuna tal-ġenituri tiegħu, li komplew iħajruh u jagħmlulu kuraġġ biex ikompli jiżviluppa dan it-talent. Fl-1969 hu beda studju ta’ ħames snin fl-arti, fil-Kulleġġ tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija l-Imsida. Bħala għalliema tiegħu kellu artisti magħrufa Maltin fosthom Esprit Barthet u Anton Aguis.

Fl-1996 u fl-1998 temm żewġ korsijiet fuq l-ambjent Malti. Huwa membru ta’ numru ta’ għaqdiet ambjentali fosthom Nature Trust, National Geographic Society u The American Society for Botanical Artist. Joe iħobb dak kollu li hu Malti, kemm l-istorja kif ukoll il-wirt kulturali Malti. Dan kollu hu ta’ għajnuna kbira għal Joe biex jinseġ mingħajr tbatija n-natura mal-arti. Id-dar Joe għandu mixtla żgħira biex ikun jista’ jnissel siġar indiġeni Maltin li wara li jimmaturaw jiġu mħawla f’inħawi fil-kampanja Maltija, għalkemm jkun veru ta’ swied il-qalb għalih meta jara lil xi ħadd jagħmel il-ħsara jew jeqred l-ambjent naturali Malti.

Joe ħa sehem f’numru sabiħ ta’ wirjiet kollettivi ma’ artisti magħrufa f’pajjiżna. Żewġ wirjiet personali ġew mtella’ fil-Ħamrun u fir-Rabat fl-Arkivji Nazzjonali fejn kienu ta’ suċċess kbir. Hu jħobb jaħdem kemm xogħol biż-żejt u kemm bl-akwarella u għandu esperjenza kbira fl-arti taċ-ċeramika. B’mod volontarju, Joe pitter pittura kbira ta’ 28 pied bi 22 pied ġewwa l-knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù ġewwa r-Rabat fl-2004. Fil-25 ta’ Settembru 2005, Joe ġie mogħti ‘Unur ir-Rabat’ b’turija ta’ apprezzament għall-kontribut kbir fil-ħidma volontarja ta’ restawr ta’ opri artistiċi fir-Rabat u għal kontribut kbir li ta fl-istudju u l-konservazzjoni tal-ambjent Malti.

Joe kiteb diversi artikli f’rivisti u ġurnali dwar l-ambjent bi skop li juri sbuħija tan-natura ta’ pajjiżna, kif ukoll biex joħloq kuxjenza favur l-ambjent ta’ madwarna. Il-kitbiet u x-xogħlijiet tiegħu ġew
imxandra kemm fuq ir-radju kif ukoll bħala dokumentarji fuq it-televiżjoni. L-akbar xewqa kienet li
parti minn dan ix-xogħol jiġi ppubblikat fi ktieb, biex ikun jista’ jitgawda mill-ġenerazzjoni ta’
warajna. Din ix-xewqa seħħet bil-pubblikazzjoni tal-ktieb Ġmiel il-Flora Maltija.