Louis Cuschieri

LOUIS CUSCHIERI

Twieled il-Kalkara fil-5 ta’ Jannar 1947. Wara kors fil-fotografija, fl-1975, daħal jaħdem mal-Gvern bħala fotografu professjonali mad-Dipartiment tal-Informazzjoni u rtira fl-2002.

Beda l-karriera artistika tiegħu ta’ 15-il sena billi kien jirreċta u jkanta mal-kumpanija teatrali Samaritans Dramatic Company. Wara erba’ snin sar  wieħed mill-atturi ewlenin tal-kumpanija teatrali Bajda u Ħamra, imwaqqfa fis-sittinijiet. Wara sar wieħed mill-atturi ewlenin tal-kumpanija D.C.A. Productions. Għandu l-unur jgħid li għall-ewwel darba fuq il-palk Malti deher fil-karattru ta’ cowboy fid-dramm western u kien interpreta l-parti prinċipali. Id-dramm kien intitolat  ‘Anacleto’, dramm maqlub għall-Malti mill-film The Singer not the Song.

Louis kien ħabib kbir tal-mibki Paul Avellino, General Manager tal-Malta Film Facilities, illum Mediterranean Film Studios. Fl-1964 inħadem Malta l-film Bedford Incident. Avellino daħħal lil Louis bħala parti mill-crew, għax kien jaf li jippossiedi talent kbir. Wara dan il-film serva anke bħala First u anke Second Assistant Director  u diversi karigi oħra. Fost il-films fejn ta s-servizzi tiegħu nsibu: A Twist of Sand, Eyewitness, Brothers, Pulp, The Mackintosh Man, Zeppelin, The Land That Time Forgot, Hellbout, Shout at the Devil u Sinbad and the Eye of the Tiger. Louis sar ħabib sew tad-diretturi tal-films imsemmija. Fosthom insibu lil John Huston: The Mackintosh Man, Don Chaffey: A Twist of Sand, Mike Hodges: Pulp, Kevin Connor: The Land That Time Forgot, Paul Wendkos: Hell Boat, Sam Wanamaker: Sinbad and the Eye of the Tiger, Peter Hunt: Shout at the Devil, Etienne Perier: Zeppelin u lill-producer Michael Klinger li hawn Malta pproduċa: Pulp u Shout at The Devil. Dawn indunaw li Louis jippossiedi talent u inklinazzjoni kbira għad-direzzjoni u għall-kitba ċinematografika. Meta kienu jarawh jieħu daqshekk interess, kienu jagħmlu minn kollox biex jgħallmuh dak kollu li jistgħu. B’hekk akkwista esperjenza kbira.

Louis attenda kors fuq il-kitba Letterarja u Drammatika Maltija, immexxi mill-mibkija l-Prof. Ġużè Aquilina u Ġużè Diacono. Fl-istess żmien Louis u xi ħbieb tiegħu ffurmaw il-kumpanija Sunrise Pictures bi skop li jipproduċu l-films. Minn hawn Louis beda l-karriera ta’ Screenwriter/Director. Huwa u sħabu bdew jiproduċu films miġbuda fuq 8mm u Super 8mm. Kienu juru dawn il-films fis-sala tal-iskola tal-Kalkara u jorganizzaw għal kull film li jipproduċu Best Actor Award Premiere Night. Il-Kalkariżi kienu jattendu bi ħġarhom biex jaraw it-talenti ta’ ħuthom il-Maltin. F’dawn il Best Actor Award Premiere Nights kienu jistiednu bħala host lill-attriċi Ingliża Jean Kent u bħala ġurija kienu jistiednu lill-awturi ta’ fama internazzjonali bħal Ernie Bradford, Hugh Atkinson u Jim Maitland. Magħhom kien ikun hemm persuni distinti Maltin bħal Charles Clews u Charles Flores.

Ftit taż-żmien wara, Louis kiteb u dderieġa IŻ-ŻONQRI, l-ewwel Video Film Malti li kien għall-kiri u bejgħ fil-ħwienet tal-Video Rentals ta’ Malta u Ghawdex. Tant għamel suċċess li meta kont tmur biex tikrih kont issibu dejjem mikri. Kien ikollok tibbukkjah biex meta jasal iċ-ċans tiegħek tkun tista’ tikrih.

Biex isaħħaħ il-potenzjal tiegħu ħa kors ieħor fl-Università ta’ Malta dwar kitba kreattiva, immexxi  mill-Prof. Oliver Friġġieri u żewġ korsijiet oħra minn fuq l-Internet: “What is a Film Director?” u “How to Right a Screenplay”.

Louis kiteb, ipproduċa u dderieġa l-film għaċ-ċinema ‘Mera tal-Passat’ li għall-ewwel darba bħala produzzjoni Maltija kien intwera fl-Eden Century Film Centre u Sun City Cine Palais. Meta ntwera fuq l-S.B.S. TV Station fl-Awstralja, intlaqa’ tajjeb ħafna mill-emigranti Maltin.

L-aħħar film li kiteb u dderieġ għaċ-ċinema huwa QERQ (fl-2005). Ħareġ għall-wiri fiċ-ċinemas ta’ Malta u Għawdex fit-30 ta’ Jannar, 2007 u kiser kull rekord fil-box office Maltija. Baqa’ jżomm l-ewwel post għal sitt ġimgħat u dam jintwera fiċ-ċinemas Maltin għal erba’ xhur sħaħ, rekord assolut.

Wara s-suċċess tal-film, Louis iddeċieda li l-iscreenplay tal-film QERQ joħroġ bħala ktieb. Il-ktieb QERQ ġie ppubblikat minn Wise Owl Publications fl-2008.

Lista ta’ stejjer u screenplays li kiteb Louis Cuschieri. (Id-data fejn kull screenplay juri s-sena ta’ meta tlesta mill-kitba mhux mill-ġbid. Parti mill-iscreenplays inkitbu biss u ma nġibdux films.)

  1. The Treasure of Barcusai’s Island (1966) 
  2. Terrifying Three (1968) 
  3. Saved from Death to be Killed (1969) 
  4. Journey to Another Planet (1970) 
  5. Povra Familja (1971)
  6. Tragedy (1972)
  7. Mistabar (1973)
  8. The Golden Madonna of San Anton Village (1974)
  9. Salvati (1978)
  10. Ħlejjaq Oħra (1979)
  11. Jasar (1981)  
  12. L-Alternattiva (1985)
  13. Iź-Żonqri (1986) 
  14. Mera tal-Passat (1994) 
  15. Break Cover (2001)
  16. Lethal Pursuit (2003)
  17. Qerq (2008)
  18. Nick White (2008)