Natalie PortelliNATALIE PORTELLI

Natalie Portelli twieldet f’Sydney l-Awstralja fil-5 ta’ Diċembru, 1969. Ġiet Malta mal-familja tagħha t’età żgħira, fejn mill-ewwel uriet ħerqa kbira għall-qari.

L-imħabba tagħha għall-kitba bdiet sa minn mindu kienet fuq il-bank tal-iskola u kienu bosta dawk li tawha l-kuraġġ tkompli żżejjen il-letteratura u l-ħajja tat-tfal permezz tal-pinna tagħha, ħolma li kompliet saret realtà meta ltaqgħet ma’ żewġha Mark Anthony Vella.

Illum hija magħrufa sew fil-qasam tal-kotba għat-tfal, għall-fantasija kbira tagħha u għall-karattri, stejjer u ħrejjef sbieħ li ħolqot. Kitbet ukoll kotba bbażati fuq ġrajjiet vera u llum hija wkoll editur ta’ żewġ magażins: Il-Magażin għat-tfal Maltin u Għawdxin u Il-Magażin għan-Nisa Maltin u Għawdxin. B’kollox ippubblikat ’il fuq minn mitt ktieb. B’għaqal u dedikazzjoni qalbet ukoll bosta ħrejjef magħrufa għall-Malti u dejjem ħasbet biex teduka u ssebbaħ it-tfulija taċ-ċkejknin.

Xi xogħlijiet tagħha jidhru b’mod regolari f’diversi rivisti, fosthom Tagħna t-Tfal.

Bintha Rebecca u x-xogħol tagħha ta’ Kindergarten Assistant jgħinuha ħafna biex iżżomm kuntatt mad-dinja tat-tfal u tkun tista’ tqawwi l-immaġinazzjoni u tferraħ liż-żgħar u l-kbar bil-kitbiet tagħha.

Natalie żżomm kuntatt mal-pubbliku, anki permezz tat-televixin, fejn spiss tkun mistiedna biex titkellem dwar il-kotba tagħha.

Minbarra l-kitba għandha għal qalbha ħafna x-xogħol tal-idejn. Fil-fatt fil-ħin liberu tagħha tagħmel ħafna krafts. Fosthom ta’ min isemmi l-kartolini li toħloq b’ħafna ħsieb, oriġinalità u kreattività.

Il-kapaċitajiet tagħha huma varji. Fil-fatt tħobb ukoll l-isports u għamlet żmien twil tilgħab u tmexxi
timijiet tan-netbol.

Fil-futur qrib għandha l-ħsieb li tippubblika aktar kotba u anki tibda tagħti korsijiet tal-krafts.