PAUL J. DEBONO
Twieled f’Bormla fis-6 ta’ Mejju 1933. Ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ tad-Dumnikani. Hemm baqa’ sa ma wasal għal-livell tal-Matrikola. Daħal jaħdem fiċ-ċivil fl-1952 u spiċċa fl-1994 bi grad ta’ Uffiċjal Prinċipali.
Beda jitħabbeb mal-ilsien Malti u mal-Istorja ta’ Malta mindu kellu erbatax-il sena. Mhux biss studja l-Istorja ta’ Malta, iżda wkoll dik tal-Ewropa, l-aktar ‘Żmien id-Dlam’, il-Medju Evu u s-Seklu Dsatax.
Kittieb ta’ bosta novelli, poeziji, kif ukoll ta’ rumanzi. Bosta drabi rebaħ premjijiet f’ konkorsi ta’ novelli u esejs. Ħafna minn dan ix-xogħol deher f’gazzetti, rivisti u antoloġiji. Dawn ġew moqrijin ukoll fuq ix-xandir. L-antoloġiji li fihom l-aktar li deher xogħol tiegħu kienu dawk tal-Għaqda Letterarja Maltija u tal-Akkademja tal-Malti. Debono għamel żmien Teżorier tal-Akkademja tal-Malti.
L-ewwel żewġ rumanzi ppubblikati kienu L-Isqra tal-Baħar l-Aħmar u Ħolma li taret mar-Riħ. It-tnejn huma mibnija fuq sfond storiku u avventuruż. Id-deskrizzjonijiet romantiċi u l-imħabba lejn ġmiel il-ħolqien mhumiex neqsin. Dawn dehru f’sensiela ta’ kull ġimgha f’rivista tat-T.V.
L-ewwel rumanz ippubblikat fi ktieb kien Il-Pendent tas-Seba’ Rubini fejn jispikkaw ir-romantiċiżmu u l-isfond storiku. Wara dehru Is-Sejħa mix-Xagħri, Taqbida ta’ Mħabba u l-aħħar wieħed Adelina. F’kollha ssib l-isfond storiku, romantiku u avventuruż. Fl-aħħar rumanz Debono saħaq ħafna fuq il-karattri.
Ir-rumanzi Il-Konti Zador u Qarrieqa u Ħawwadin ġew biss moqrija fuq il-Media. Ġew ippubblikati sensiela ta’ novelli fuq l-iħirsa - Il-Waħx ta’ Birkirkara, Il-Waħx ta’ Ħal-Qormi, Il-Waħx ta’ Ħaż-Żabbar u Il-Waħx ta’ Marsaxlokk. Dawn in-novelli ġew imsejsa fuq għajdut iżda Debono ma baqax lura li mhux biss iħaddem il-fantasija, iżda jagħmel ukoll dak l-isfond storiku.
Fi żmien qasir għandhom jiġu ppubblikati l-ħames ġabra ta’ novelli dwar l-iħirsa - Il-Waħx tal-Belt Valletta, kif ukoll rumanz imsejjes fuq sfond storiku - Faqar, Fatati u Feruti. Għadu kif lesta ġabra ta’ novelli dwar il-baħar. Qed jaħdem ukoll fuq rumanz mibni fuq il-ħajja tal-lum, bid-diffikultajiet u l-problemi tagħha.
Dik ix-xejra fejn jistqarr l-imħabba lejn il-Ħallieq u lejn Art Twelidu tispikka f’kull kitba ta’ Debono. Il-Malti mħaddem minn Debono fih xejriet ta’ għeruq semitiċi, għalkemm, fl-istess waqt hu ta’ stil