Alfred Palma

THERESE PACE

Therese Pace twieldet ir-Rabat, Malta fid-29 ta’ April 1953 u toqgħod Birkirkara. Miżżewġa lil Mario u għandhom tlitt itfal.

Fuq għażla tagħha stess, l-edukazzjoni primarja tagħha ħaditha l-Imtaħleb fejn l-istudenti kienu ftit u l-attenzjoni setgħet tkun ikbar. Wara, għaddiet għall-kors tal-iskola sekondarja fil-Liċeo ta’ Santa Tereża li dak iż-żmien kien l-Imdina u wara l-Imrieħel.

Bdiet tikteb fiż-żmenijiet tal-iskola sekondarja fejn l-ewwel kitba tagħha kient Il-Leġġenda taċ-Ċurkett tat-Tieġ tal-Madonna. L-ewwel pubblikazzjoni tagħha kienet Arpeġġi, ġabra ta’ poeżiji bil-Malti b’daħla ta’ Alfred Palma li għalih ġiet mogħtija l-Premju tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fl-2004. Imbagħad Sfumature (edizione Nuovi Poeti), fuljett ta’ poeżiji bit-Taljan. Fl-2009 ippubblikat sett ta’ sitt kotba ta’ stejjer/poeżiji bil-Malti għat-tfal bl-isem Nawraw u Nirrimaw (Agius & Agius Ltd.), u fl-2010 Siltastorja (Wise Owl Publications), ktieb ta’ Taħriġ il-Fehem għat-tfal li kitbet flimkien ma’ Helen Camilleri. Hija wkoll kitbet żewġ drammi f’att wieħed bl-Ingliż, wieħed bl-isem ta’ Diaspora li kien intagħżel bħala wieħed mill-aħjar sitta fil-konkors imniedi mill-ġurnal The Times ta’ Malta u l-ieħor Over my Dead Body. Kitbet ukoll ukoll Tirxen, dramm f’att wieħed bil-Malti u Il-Qaddisa tas-Salib, oratorju lil Sant’Elena. Rebbieħa ta’ għadd ta’ konkorsi poetiċi f’Malta u l-Italja fosthom l-Ewwel Premju fil-konkors “Poesia e Immagine” ta’ Cesena fl-2007 u fl-2009 issemmiet b’ġieħ għall-poeżija Oshibana fil-konkors internazzjonali prestiġjuż “Nosside”. Ix-xogħlijiet tagħha ġew pubblikati fuq is-sit tal-poeżija www.writemeametaphor.com, ħarġa 4 u 6 u fuq is-sit tagħha www.freewebs.com/theresepace.

Fl-2007 ħadet sehem flimkien ma’ ħames poeti oħra Maltin fil-proġett imniedi mill-Unjoni Ewropea taħt il-presidenza Germaniża f’għeluq il-50 sena mit-twaqqif tal-Unjoni Ewropea fejn poeżija tagħha bl-isem Saħħara/Fairy bil-Malti u bl-Ingliż dehret fuq il-karozzi tal-linja tal-Metro ta’ Washington
għal xahar sħiħ. Ħadet sehem ukoll fi proġett ieħor tal-Unjoni Ewropea (2010) taħt il-presidenza
Spanjola fejn poeżija tagħha bl-isem Rubini inqalbet għat-Taljan u l-Ispanjol u flimkien ma’ ta’
oħrajn mill-Istati membri kollha nħarġu fi ktieb Squardi e Voci Giovani sull-Europa. Hija
membru attiv fi ħdan l-Għaqda Poeti Maltin u membru fl-Għaqda tal-Poeti Dinjija.